Ix-xiri ta’ karozza huwa xi ħaġa eċitanti, iżda jinvolvi obbligazzjonijiet finanzjarji. Jekk qed taħseb li tibda ssuq, huwa l-waqt tagħti ħarsa lejn l-ispejjeż assoċjati ma’ dan.
L-għażla tal-karozza xierqa

Ixtri karozza li tgħodd għall-baġit tiegħek u l-attitudnijiet tas-sewqan tiegħek. Jista’ jkun li ssib karozza tajba b’inqas flus jekk tixtri waħda użata diġà. L-aġenti ħafna drabi jkollhom selezzjoni tal-aħħar mudelli użati li xi klijenti jkunu partu. Tista’ wkoll tixtri karozza użata mingħand individwi privati li jirreklamaw online jew f’xi gazzetti, iżda kun ċert li d-dokumenti tal-karozza jkunu regolari.
- Hija wkoll idea tajba li tieħu miegħek mekkanik indipendenti biex jispezzjona l-karozza mill-qrib.
- Irriċerka l-għażliet kollha. Il-gazzetti, is-siti elettroniċi u r-rivisti huma sorsi tajbin ta’ informazzjoni. Fittex online u żur is-siti elettroniċi tal-aġenti u tal-produtturi. Agħmel użu mill-midja soċjali biex taqra r-reċensjonijiet u l-kummenti mingħand ix-xerrejja l-oħra tal-karozzi. Fl-aħħar, żur l-aġent u ddiskuti l-bżonnijiet tiegħek mar-rappreżentanti tiegħu.

Naffordja karozza? Meta tkun tiddeċiedi jekk tistax taffordja karozza, ma tridx tikkunsidra biss il-prezz li ser tixtri l-karozza. Hemm ammont mhux ħażin ta’ spejjeż addizzjonali oħrajn bħal:
- l-ispiża tar-reġistrazzjoni, l-liċenzja, l-assigurazzjoni;
- il-ħsarat u l-manutenzjoni;
- spejjeż għall-parkeġġ.
- il-fjuwil;
Dawn jistgħu jtellgħu ammonti sinifikanti.
Jekk ma tħallasx il-karozza mill-ewwel, ser ikollok tiffinanzja x-xiri. L-għażliet jinkludu:
- Self mill-bank
Tkellem mal-bank biex tara kemm tista’ tissellef. Wara tkun taf eżatt kemm tista’ tonfoq u kemm ser ikollok pagamenti xi tħallas fix-xahar. Metodu tajjeb biex tnaqqas il-pagamenti fix-xahar huwa billi tibda permezz ta’ depożitu sostanzjali.
- Finanzjament mal-aġent
Aġent tal-karozzi ħafna drabi jista’ jorganizzalek is-self hu stess. Oqgħod attent għax il-finanzjament tal-aġent jista’ jkun ogħla minn self mill-bank, għaldaqstant kun ċert li fhimt it-termini u l-kundizzjonijiet minn qabel.
- Leasing
Leasing ifisser li l-karozza ma tkunx tiegħek, iżda inti tħallas għall-użu tagħha fil-perjodu tas-servizz. Tipikament, il-pagamenti tal-kera huma xi ħaġa aktar minn pagamenti tas-self mill-bank, u tkun marbut b’perjodu stipulat, u jkun hemm penali x’titħallas jekk tkun trid tinħall mis-servizz. Meta jiskadi l-perjodu tas-servizz, inti tkun tista’ tirritorna l-karozza lill-aġent jew tixtriha bi prezz li taqblu fuqu.
L-assigurazzjoni tal-vettura hija l-assigurazzjoni li tkopri t-telf jew il-ħsarat ta’ terzi u l-karozza tiegħek ukoll, skont x’polza jkollok. It-telf jista’ jkun, pereżempju, riżultat ta’ tiswija li jkollok tagħmel fil-karozza tiegħek wara li jkollok inċident jew inkella jkollok tħallas kumpens lill-terzi għal ħsarat fil-proprjetà, korrimenti jew imwiet. Madanakollu l-kopertura tvarja skont il-poloz.
Taħt il-liġi Maltija huwa obbligatorju li jkollok assigurazzjoni ma’ kumpanija tal-assigurazzjoni awtorizzata biex tkoprilek ir-responsabbiltajiet għall-korrimenti jew imwiet ta’ terzi.
Kif meta tkun se tixtri karozza tagħmel ir-riċerka biex takkwista l-aħjar, bl-istess mod trid timxi meta tkun se tagħmel assigurazzjoni. Inti għandek tagħmel ir-riċerki tiegħek għall-assigurazzjoni tal-karozza u tagħżel l-aħjar waħda li taqbel mal-bżonnijiet tiegħek.
Naqqas l-ispejjeż
- Aħseb fit-tul.
Karozza żgħira iżda ġdida tista’ tkun aktar effiċjenti fl-użu minn karozza kapriċċuża użata. Il-karozza l-ġdida ser tiġi b’garanzija u ma tkun użata qatt. Il-karozza użata ser ikollha storja u ħafna drabi, qabel tixtriha, ma tkunx taf jekk għamiltx akkwist tajjeb jew inkella tkunx xtrajt karozza li tagħmillek l-ispejjeż bla waqfien.
- Aħseb fiċ-ċokon
Karozza iżgħar u magna iżgħar jistgħu jagħmlu d-differenza għax tiffranka l-ispejjeż tal-fjuwil.
- Suq b’inqas frekwenza.
Il-fatt li jkollok karozza ma jfissirx li trid tużaha dejjem. Jekk tnaqqas l-użu mhux biss tiffranka l-flus tal-fjuwil iżda tkagħbar anqas il-vettura wkoll.
- Iġbor il-qadi fi triq waħda.
Meta ssuq, ippjana t-toroq minn qabel biex tmur fil-postijiet li tixtieq f’darba u mhux ikollok tmur separatament.
- Suq b’attenzjoni.
Jekk tagħmel hekk tkun tipprovdi sigurtà lilek u tiffranka l-ispejjeż tal-manutenzjoni u l-ħsarat.
- Attenzjoni għall-infiq
Dejjem żomm kont ta’ kemm qed tonfoq fuq il-karozza u minn żmien għal żmien ara għadx għandek bżonn li żżommha.
Din tista’ tiswiek xi ftit mijiet ta’ ewro, iżda jekk tieħu karozza użata għal spezzjoni professjonali din tista’ tikxef kwalunkwe problemi li jista’ jkollha u li jistgħu jiswewk ferm aktar kif jgħaddi xi ftit żmien.
Iċċekkja kemm hemm għandha kilometri fl-ispeedometer u ara li dan ma jkunx ġie mbagħbas. In-numri jridu jkunu f’linja u l-kilometri jridu jaqblu ma’ dak li jkun hemm miktub fid-dokumentazzjoni tal-manutenzjoni u fil-log book tal-karozza.
Jekk qed tixtri karozza użata, tkun idea tajba li tieħu lil xi ħadd li jkun jaf fejn x’għandu jiċċekkja u jista’ jispjegalek x’għandek tiċċekkja fil-karozza.
Kun ċert li tipprova l-karozza qabel tixtriha. Jekk ikun possibbli ħu bniedem tekniku professjonali biex jipprovaha hu għalik. Jekk ikun il-każ li tiddeċiedi li tipprovaha int stess, għandek tiċċekkja dan li ġej:
L-isteering | Jekk dan laxk ħafna, jew jekk tħossha tiġbed lejn xi naħa fi triq dritta, huma indikazzjoni ta’ tkagħbir ta’ partijiet mis-suspensjonijiet, ħsara fil-mekkaniżmu tal-isterring jew ir-roti mhux allinjati. |
Il-brejkijiet | Xħin tagħfas il-brejk, il-karozza trid tieqaf mingħajr skossi u bi dritt. Il-pedala m’għandhiex tibqa’ nieżla sal-art jew tinħass qisha sponża u isterring m’għandux jinħass jivvibra. |
L-exhaust | Duħħan kaħlani huwa indikazzjoni li qed taħraq iż-żejt. |
Il-magna | Suppost taħdem mingħajr skossi (waqt l-aċċelerazzjoni, id-deċellerazzjoni u waqt sewqan moderat) u l-indikatur tat-temperatura tal-ilma għandu jibqa’ fil-firxa indikata bħala sigura. Taħbit u tektik jista’ jfisser li l-komponenti interni għandhom huma mkagħbra sew jew imwaħħla ħażin. |
Il-gearbox | Il-gerijiet (kemm jekk karozza manwali u kemm jekk awtomatika) għandhom jidħlu bla ntoppi, mingħajr żarżir jew ħsejjes strambi. Fuq karozzi li jingranaw fuq quddiem, dawn il-ħsejjes jistgħu jindikaw ħsara jew tkagħbir. |
Is-sospensjonijiet u l-body | Oqgħod attent għal xi ħsejjes meta tgħaddi minn fuq xi tumbata. Tkun idea tajba jekk il-karozza jispezzjonaha mekkanik ta’ reputazzjoni tajba. |
Qabel ma tieħu l-karozza biex issuqha, staqsi lill-bejjiegħ għandux polza tal-assigurazzjoni li tkoprik f’każ ta’ inċident.