Għandek tinnota li l-gvern ħareġ struzzjonijiet li s-self/kreditu (kapital) u l-imgħax pagabbli jiġu sospiżi għal sitt xhur. Dan il-moratorju, applikat fuq il-faċilitajiet ta’ kreditu pprovduti minn istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu, se jsostni persuni li kienu materjalment effettwati mill-imxija tal-COVID-19.
Il-moratorju japplika għal:
- korporazzjonijiet mhux finanzjarji
- intrapriżi mikro, żgħar u medji, u kbar
- persuni jaħdmu għal rashom
- persuni f’impjieg
- persuni li kienu impjegati qabel il-bidu tal-perjodu tal-moratorju iżda li saru qiegħda matul il-perjodu tal-moratorju
- djar
Biex tkun eliġibbli għal dan il-moratorju trid:
- tkun ħallast b’mod regolari s-self li għandek – jiġifieri m’għandekx arretrati – li dħalt għalih qabel l-1 ta’ Marzu 2020;
- turi li l-imxija tal-COVID-19 ħalliet impatt b’tali mod li ma tistax tissodisfa l-obbligi tal-ħlas tas-self tiegħek.
Il-moratorju ma japplikax awtomatikament. Trid tissottometti applikazzjoni li inti trid iġġib mill-bank tiegħek. Se tkun mistenni/ja li tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:
- il-payslips għat-tliet xhur ta’ qabel
- formoli tal-FS3
- kuntratt tal-impjieg
- il-VAT returns (għan-negozji)
- l-aħħar rapporti finanzjarji u kontijiet (għan-negozji)
- l-aħħar rendikonti bankarji
- ittri ta’ tkeċċija fejn ikun applikabbli
- ordni tal-għeluq tan-negozju u/jew tal-operazzjonijiet
Il-moratorju japplika għall-faċilitajiet li ġejjin:
- self għad-djar
- self kummerċjali u tan-negozji
- self biex tixtri u tikri
- self personali
- bullet loans
- overdrafts
- kambjali (inklużi dawk approvati bħala pour aval)
- ċedoli
- garanziji
- indennizzi
- aċċettazzjonijiet
Ta’ min jinnota
- Il-moratorju ma jikkanċellax l-obbligi tiegħek li tħallas is-self iżda jagħtik nifs ta’ sitt xhur biex tkun tista’ timmaniġġja aħjar il-flus kontanti tiegħek.
- Il-moratorju mhux se jirriżulta f’pagamenti tax-xahar ogħla wara li jintemm. Madankollu, fil-każ ta’ dejn jew self personali ieħor, li t-terminu tagħhom diġà jestendi sal-età tal-irtirar, il-pagamenti dovuti, li ġew differiti, se jinfirxu b’mod ugwali matul il-bqija tat-terminu tas-self.
- M’hemm l-ebda penali u l-ebda miżati mhu se jkunu imposti.