ĠEMMA: Kun Af, Ippjana, Aġixxi, fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali flimkien mal-General Workers Union, irrappreżentata mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, daħlu f’Memorandum ta’ Ftehim sabiex b’mod konġunt jinvolvu ruħhom ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati sabiex l-inizjattivi edukattivi fuq il-kapaċità finanzjarja jkunu jistgħu gradwalment jilħqu gruppi diversi fil-mira.
Iż-żewġ entitajiet jaqblu li l-għan tal-inizjattivi tal-edukazzjoni finanzjarja huwa li jiggwidaw lill-pubbliku biex jikseb il-prestazzjoni meħtieġa tal-kapaċità finanzjarja f’oqsma differenti bħall-immaniġġjar tad-dejn, l-immaniġġjar tal-baġit ta’ kuljum, l-ippjanar għall-futur, ir-rikonoxximent tal-abbużi finanzjarji fuq l-anzjani u l-bini ta’ xibka ta’ sigurtà finanzjarja.
Kif iddikjara l-Ministru, Dr Michael Falzon, l-istrateġija ĠEMMA hija pjuttost ta’ sfida peress li tagħmel ħilitha kollha biex tinvolvi bosta partijiet interessati fis-settur privat u pubbliku biex jaħdmu flimkien sabiex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku dwar affarijiet finanzjarji u t-tfaddil għall-futur.
Is-Sur Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, enfasizza l-importanza li l-membri tagħha, kif ukoll min iħaddem u l-impjegati tiegħu, jiġu edukati permezz ta’ din is-sħubija strateġika ta’ tliet snin, fuq l-aspetti kollha finanzjarji inkluż l-ippjanar għall-futur kif ukoll skemi personali u volontarji ta’ pensjonijiet ta’ rtirar. Is-Sur Bugeja stqarr: “Dan il-MTF jirrappreżenta sinerġija bejn il-GWU u t-tim ta’ ĠEMMA, sabiex permezz ta’ attivitajiet konġunti, il-pubbliku ġenerali jkollu aktar għarfien ta’ kif jista’ jtejjeb l-infiq, jiffranka u jippjana għall-futur tiegħu”.
Is-Sur Mark Musù, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, stqarr li mir-riċerka dwar il-kapaċità finanzjarja jirriżulta li n-nuqqas ta’ għarfien finanzjarju spiss iwassal għal stress mentali, ansjetà u f’xi każijiet dipressjoni wkoll, kif ukoll hemm relazzjoni qawwija bejn in-nuqqas ta’ kapaċità finanzjarja u l-faqar. Fid-dawl ta’ dan, l-impriżi mwettqa minn ĠEMMA, li qed tistinka biex iżżid l-għarfien finanzjarju, huma ta’ utilità kbira għall-pubbliku.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur il-website: www.gemma.gov.mt