Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali llum iffirmaw sħubija strateġika biex jaħdmu flimkien, permezz ta’ ĠEMMA (il-pjattaforma tal-edukazzjoni fuq il-kapaċità finanzjarja tal-Gvern), biex itejbu l-kapaċità finanzjarja tar-residenti Maltin u Għawdxin matul l-avvenimenti tal-ħajja, inkluż l-irtirar. L-għan ta’ din is-sħubija strateġika, bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u ĠEMMA, hu li jiġi żgurat li n-nies ikunu infurmati aħjar fl-affarijiet li jaffettwaw il-finanzi tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba li jaqblu maċ-ċirkostanzi personali tagħhom.
Permezz tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, ĠEMMA se taħdem mal-kunsilli reġjonali u lokali biex twettaq programmi ta’ kapaċità finanzjarja – li jvarjaw mill-ibbaġitjar għall-protezzjoni kontra l-iscams u l-frodi – fi ħdan il-komunitajiet. ĠEMMA se tagħmel ukoll riżorsi – bħal vidjows, manwali, eċċ. dwar il-kapaċità finanzjarja disponibbli għall-kunsilli reġjonali u lokali sabiex dawn ikunu aċċessibbli għal persuni fi ħdan il-komunitajiet mill-uffiċċji tagħhom, jew kif jistgħu jitqassmu fi ħdan il-komunitajiet.
L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali se tagħmel ir-riżorsi diġitali tagħha disponibbli għal ĠEMMA – inkluż il-portal tagħha You Safe, is-sit ta’ Facebook, il-website tal- Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali kif ukoll tiffaċilita s-sħubija bejn ĠEMMA u r-riżorsi diġitali rispettivi tal-kunsilli reġjonali u lokali – biex tgħin lil ĠEMMA twessa’ l-firxa tagħha fir-rigward tal-għarfien u l-informazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja fost ir-residenti Maltin u Għawdxin.
Din hija l-ħdax-il sħubija strateġika li l-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal daħal għaliha f’isem ĠEMMA ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra. Is-sħubijiet strateġiċi l-oħra jinkludu: il-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-Università ta’ Malta, il-BOV, MAPFRE MSV Life, il-General Workers Union, il-Fondazzjoni eSkills Malta, Mental Health Malta, il-Kamra Maltija tal-SMEs, u l-UĦM Voice of the Workers.
Dr Michael Falzon, il-Ministru responsabbli, stqarr li din ir-relazzjoni strateġika bejn ĠEMMA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hija żvolta fir-rigward tat-tqarrib tal-għarfien u l-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja lejn il-persuni Maltin u Għawdxin. Permezz ta’ din is-sħubija strateġika, ĠEMMA issa tista’ tinfilsa l-edukazzjoni u l-għarfien dwar il-kapaċità finanzjarja fil-qalba tal-komunitajiet lokali.
Is-Sur Mario Fava, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, enfasizza li l-Assoċjazzjoni hija kburija b’din ir-relazzjoni ma’ ĠEMMA u l-Ministeru, peress li tippermettilha tkompli tibni fuq inizjattivi preċedenti u attwali biex tibni fi ħdan il-komunitajiet ta’ Malta u Għawdex il-fehim tal-immaniġġjar tal-flus u l-ippjanar għall-futur ta’ dak li jkun – u b’hekk tikkontribwixxi direttament għall-benesseri finanzjarju tar-residenti. Is-Sur Fava stqarr li l-ewwel inizjattivi bejn l-Assoċjazzjoni u l-kunsilli reġjonali u lokali u ĠEMMA se jiġu mnedija fil-bidu tal-ħarifa ta’ din is-sena.
Is-Sur Mark Musù, is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru, li hu responsabbli għat-tmexxija ta’ ĠEMMA, enfasizza li l-iżvilupp ta’ Malta f’pajjiż finanzjarjament kapaċi huwa għan soċjali – wieħed li fih il-Gvern għandu jkollu rwol ewlieni, iżda għan li gvern waħdu ma jkunx jista’ jilħaq.
Is-Sur Musù esprima s-sodisfazzjon tiegħu li s-sħubija ma’ msieħba strateġiċi, bħall-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali mal-Ministeru tiegħu u ĠEMMA, turi li hemm fehim qawwi mill-atturi tas-soċjetà dwar l-importanza ta’ approċċ daqshekk magħqud lejn it-tnissil ta’ benesseri finanzjarju f’Malta.