
It-tim ĠEMMA bi pjaċir jinfurmak li nieda kalkulatur ġdid – Il-Latte Tracker.
Il-fattur Latte kien imsawwar minn ċertu David Bach li ħareġ l-idea sempliċi li l-affarijiet trivjali li nonfqu fuq affarijiet ta’ kuljum jammontaw għal somma kbira matul il-perjodu ta’ sena. Il-fattur Latte huwa l-infiq bla ħsieb fuq l-affarijiet żgħar ta’ kuljum li ma jżidux il-valur għal ħajjitna.
U minħabba li l-ispejjeż ta’ kuljum ta’ dawn l-affarijiet huma żgħar ħafna inti ma tikkunsidrahomx verament bħala spiża. Ħafna minna mhux se ninnutaw dak l-€1 jew €2 li nonfqu kuljum matul il-jum tax-xogħol tagħna fuq sandwich jew cappuccino b’mod partikolari jekk dawn huma muniti. Madankollu, dawn jakkumulaw fuq medda ta’ 12-il xahar. Pereżempju: cappuccino ta’ kuljum meħud f’ħanut tal-kafè qabel ix-xogħol, ngħidu aħna, €1 kuljum, se jiswa madwar €220.
Dan huwa dak li jfisser il-fattur “Latte”: flus li altrimenti tista’ tuża b’mod aktar produttiv jew għaqli. Dan il-kalkulatur jippermettilek tidentifika l-ispiża tax-xiri tal-ikla ta’ nofsinhar u l-kafè vis-a-vis it-tħejjija tal-ikla tiegħek id-dar jew per eżempju, inti u l-kollegi tax-xogħol tiftiehmu u tiġbru u tixtru magna tal-cappuccino / kafè. Hekk kif tibda tħares lejn medda ta’ żmien itwal, ngħidu aħna sena, tal-infiq ta’ kuljum tiegħek, se jkollok fehim aktar ċar tad-drawwiet tal-finanzi personali tiegħek u kif ammonti żgħar ta’ flus jitilgħu f’ammont malajr ħafna. Kif jidher hawn fuq, l-infiq ibbażat fuq id-drawwiet iż-żgħar, li jsir b’mod konsistenti matul sena, se jnaqqar waħda sew mill-finanzi tiegħek.
L-għan tal-Latte Tracker huwa li jgħinek tifhem kif ftit bidla fl-imġiba ta’ kuljum tiegħek – tipprepara l-ikla tax-xogħol tiegħek id-dar aktar milli tixtrih minn kafetterija matul il-brejk tal-ikla ta’ nofsinhar – tħallik bi dħul aktar disponibbli biex tippermettilek tilħaq l-għanijiet finanzjarji tiegħek.