Iddeċidejt li wasalt iż-żmien li titlaq mid-dar u tibda tgħix waħdek jew tgħix fi flat ma’ sħabek. L-ewwel ħaġa li trid tieħu nota tagħha hija li meta tgħix għal rasek ifisser li issa se tibda tħallas għall-ispejjeż għal affarijiet li meta kont tgħix mal-ġenituri tiegħek aktarx li ma kontx tħabbel rasek fuqhom bħall-ikel u l-ħasil tal-ħwejjeġ tiegħek. Ma’ dawn, il-flat li se tkun qed tgħix fih, x’aktarx li jġib miegħu spejjeż oħra kbar.
Bħal fil-każ tal-kwistjonijiet kollha tal-immaniġġjar tal-flus, ĠEMMA titlaq mill-punt li qabel ma tieħu d-deċiżjoni għandek tibbaġittja u tkun taf li tgħix waħdek xi jfisser. Mistoqsija importanti hija: tista’ taffordja li tgħix waħdek? Tista’ tgħix waħdek, jekk issa inti responsabbli għall-ispejjeż kollha li jvarjaw mill-ikel sa biex tħallas il-kont tad-dawl u l-ilma? U barra dawn għad fadal biżżejjed flus biex ikollok ħajja soċjali tajba? Uża l-Planner ĠEMMA tal-Baġit Tiegħi biex tikkalkula dak li għandek bżonn biex tmur tgħix għal rasek.
Mingħajr dubju, l-akbar spiża ġdida li se tiffaċċja meta tmur toqgħod għal rasek hija l- kera. Kif taf, l-ispiża tal-kera żdiedet b’mod sinifikanti f’Malta matul dawn l-aħħar snin. Allura qabel ma tikkommetti ruħek għall-kiri dur sew sakemm issib post li huwa affordabbli filwaqt li jissodisfa l-bżonnijiet tiegħek. Jekk se tikri għalik innifsek biss m’għandekx bżonn flat bi tlitt ikmamar tas-sodda għax hekk tkun qed tħallas kera addizzjonali għal spazju li x’aktarx ma tużax. Żomm f’moħħok li sid il-propjetà probabbilment se jitolbok għal depożitu ta’ xahar imħallas bil-quddiem, u jekk qed tfittex il-post mingħand aġenzija tal-kiri tal-proprjetà tista’ tkun qed tħallas ukoll persentaġġ fuq il-kirja lill-kumpanija.
Aħna t-tim ta’ ĠEMMA nissuġġerixxu li tiffirma kuntratt tal-kiri bil-miktub u li tiżgura li sid il-propjetà jirreġistra l-kuntratt, l-inventarju u l-proprjetà mħallsa. Bħala inkwilin, aħna nissuġġerixxu bil-qawwa li inti tkun konxju tad-drittijiet tiegħek. Dan li ġej huwa ta’ min jieħu nota tiegħu:
- Jekk tidħol f’kirja ta’ 12-il xahar, għandek id-dritt li tikkanċella l-kuntratt wara 6 xhur b’perjodu ta’ avviż ta’ xahar.
- Jekk tidħol f’kirja ta’ 3 snin għandek id-dritt li tikkanċella l-kuntratt wara 12-il xahar b’perjodu ta’ avviż ta’ 3 xhur.

- Klawżoli li jipprevedu t-terminazzjoni awtomatika ta’ kuntratt.
- Klawżoli li jawtorizzaw lil min qed jikri biex inaqqas kwalunkwe benefiċċju mingħajr tnaqqis fil-kirja.
- Klawżoli li jimponu l-ħlas ta’ affarijiet addizzjonali minbarra l-kera, depożitu, l-assigurazzjoni fuq kontenut jew manutenzjoni ta’ partijiet komuni limitati għad-dmirijiet tal-inkwilin.
- Klawżoli li jimponu pagamenti għall-użu ta’ affarijiet mobbli.
- Klawżoli li jistipulaw il-ħlas ta’ ammont fiss ta’ konsum għall-ilma, l-elettriku u utilitajiet oħra jekk tali ammont ma jirriflettix il-konsum attwali.
- Klawżoli li jillimitaw l-użi li wieħed huwa mistenni li jagħmel minn residenza.
