STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed jikkoopera ma’ ĠEMMA biex jipproduċu sett ieħor ta’ vidjows immirati lejn il-promozzjoni tal-kapaċità finanzjarja.
Il-Bank jipprovdi assistenza prattika u kontinwa lill-aġenzija u se jgħin ukoll fit-tixrid tal-vidjows permezz tal-preżenza tiegħu fil-midja soċjali.
“Għalkemm il-litteriżmu finanzjarju mhuwiex direttament wieħed mill-funzjonijiet ewlenin tagħna, aħna nemmnu li għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nippromwovu fehim aħjar ta’ kemm huwa importanti għall-familji li jimmaniġġjaw il-finanzi tagħhom,” qal il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Mario Vella.
Meta ġie mistoqsi dwar il-firxa ta’ suġġetti koperti mill-vidjows, huwa rrimarka li dawn kienu jinkludu l-użu ta’ karti ta’ kreditu u bbaġitjar għal kuljum kif ukoll għal infiq speċjali, “għalkemm l-immaniġġjar finanzjarju tajjeb huwa ovvjament meta jsir l-infiq fil-ħin it-tajjeb”. Huwa rrimarka li, “l-awturi inkludew ukoll materjal dwar it-tfaddil għal meta tinqala’ xi ħaġa mhux mistennija u l-ippjanar għall-irtirar.”
Mark Musù, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal, u Solidarjetà Soċjali, li lilu tirrapporta ĠEMMA, iddikjara li “ĠEMMA hija privileġġjata li daħlet f’Memorandum ta’ Ftehim ta’ Sħubija Strateġika mal-Bank Ċentrali ta’ Malta biex tipproduċi serje ta’ vidjows qosra dwar l-edukazzjoni tal-immaniġġjar tal-flus”. Is-Sur Musù żied jgħid li din hija l-ewwel waħda mis-serje li l-Ministeru u l-Bank Ċentrali ta’ Malta qed jaħdmu flimkien. Dawn il-vidjows, diretti lejn l-għarfien tal-kapaċità finanzjarja fost il-pubbliku ġenerali, iżidu mar-riżorsi edukattivi disponibbli għal ĠEMMA biex jintlaħaq dan l-għan.
Il-vidjows jistgħu jiġu aċċessati faċilment minn: https://gemma.gov.mt/videos-gemma-bagitjar-u-ppjanar/
ĠEMMA ġiet iffurmata f’Jannar 2019, wara li l-Grupp tal-Istrateġija dwar il-Pensjonijiet issuġġerixxa li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma b’diversi partijiet involuti fil-qasam, fosthom: l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, id-Dipartiment tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, u Finance Malta. Wara konsultazzjoni pubblika, fl-2017 tnediet strateġija, li enfasizzat il-ħtieġa għal kampanji li jippromwovu għarfien aħjar dwar id-dħul mill-irtirar u l-kapaċità finanzjarja. Ir-riżultat kien it-twaqqif tal-aġenzija, li kienet msemmija “ĠEMMA” – l-isem mogħti lin-“naħla tal-għasel” li tirrapreżenta l-kampanja ĠEMMA.
Minn dakinhar, ĠEMMA kienet attiva ħafna, u offriet kalkulaturi interattivi biex jgħinu lin-nies jaħdmu l-finanzi tagħhom, jieħdu sehem f’avvenimenti ta’ għarfien, intervisti mal-midja, u anke riżorsi għall-għalliema u l-ġenituri li jistgħu jaġixxu bħala multiplikaturi biex ixerrdu l-informazzjoni.
Riżorsi oħra maħluqa minn ĠEMMA:
eBooks: Sensiela ta’ kotba elettroniċi u kotba ta’ gwida maħluqa biex jgħinu f’diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja.