Scam tan-negozji, dik li bl-Ingliż tissejjaħ “business email compromise”, hija scam online fejn l-iscammer jimpersona rappreżentant tan-negozju u jqarraq bik mingħajr ma tinduna biex titrasferilu flus jew informazzjoni sensittiva. L-iscammer jimpersona persuna fdata bl-użu ta’ email li hija kważi identika għall-isem tal-persuna fdata, jew dominju li huwa identiku għall-isem tal-kumpanija tal-persuna fdata. L-iscammer jibgħatlek messaġġ leġittimu fejn jitlob flus jew informazzjoni sensittiva.
Dawn jinkludu:
Frodi billi jimpersona persuna b’kariga eżekuttiva: L-iscammer juża indirizz tal-email li hu kważi identiku għall-isem tal-persuna b’kariga eżekuttiva u mbagħad jibgħat messaġġ lill-istaff fin-negozju tiegħek li jidderiġihom biex jittrasferixxu fondi għall-kont tal-iscammer.
Frodi tal-invoice: L-iscammer jilgħabha ta’ fornitur fdat u jibgħat invoice falza lin-negozju tiegħek. F’dawn l-iscams, l-iscammer spiss ikollu kontroll tal-kont tal-email tal-fornitur u jista’ jkollu aċċess għal invoices leġittimi. L-iscammer jibdel dawn l-invoices biex jinkludi dettalji ġodda tal-kont bankarju u mbagħad jibgħat l-invoices lill-klijenti mill-kont tal-email tal-fornitur.
Aħna nħeġġuk tipprintja din l-infografika għall-użu tiegħek kif ukoll biex tpoġġi kopja tagħha fuq il-post tax-xogħol tiegħek. Bħal dejjem nirringrazzjaw lil Fondazzjoni e-Skills Malta għall-infografika u l-kontribut tagħhom għall-pariri ta’ ĠEMMA.
Jekk taħseb li skoprejt scam jew kont fil-mira ta’ waħda minnhom, ĠEMMA tagħtik parir li tirrapporta dan. Tħallix li l-iscammer jeħlisha. Ftakar li hemm nies vulnerabbli li jista’ ma jkollhomx l-għarfien li għandek int u għandhom riskju għoli li jiġu scammed sakemm l-iscam ma tkunx imwaqqfa.
Ikkuntattja lis-Cyber Crime Unit fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta kif ġej:
Online: computer.crime@gov.mt
Bit-telefown: +356 2294 2231/2
In Persona: Ċempel jew żur kwalunkwe Għassa tal-Pulizija u għamel rapport. L-Uffiċjal tal-Pulizija tad-Distrett se jitlob l-assistenza ta’ membru tas-Cyber Crime Unit kif meħtieġ.