L-posters jesponu l-messaġġ ewlieni tal-kampanja. Aħna, it-tim ta’ ĠEMMA nħeġġuk biex tipprintja kwalunkwe wieħed minn dawn il-posters u tiċċirkolahom lin-nies li taf – bħal tal-laħam, tal-istationery, tal-merċa, etċ.
Dan jirriżulta mill-fatt li persuni li huma impjegati f’negozju tal-familja jirċievu paga baxxa. Xi drabi, jekk is-sieħeb/a j/tkun qed j/taħdem ukoll man-negozju tal-familja hemm każijiet fejn ma j/tirċievi l-ebda paga. Biex tikkwalifika għal pensjoni kontributorja, persuna trid tkun impjegata u għandha tħallas il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ 10% fuq il-paga gross tagħha.
Għalhekk, aktar ma tkun baxxa l-paga, aktar se jkun baxx id-dħul mill-pensjoni li persuna tirċievi meta tirtira. U jekk il-persuna ma tkunx impjegata formalment man-negozju tal-familja allura hi ma tikkwalifikax għad-dħul kontributorju tal-pensjoni. Minflok, meta jirtiraw persuni simili jistgħu jkunu eliġibbli għall-pensjoni tal-età li tkun ittestjata b’test tal-mezzi.
Il-messaġġ edukattiv li fuqu hi msejsa din il-kampanja huwa li persuni li jaħdmu ma’ negozju tal-familja għandhom: (i) jiżguraw li huma impjegati; u (ii) li qed jirċievu paga ġusta li tirrifletti dak li jħallas is-suq għal tali impjieg.