Qabel, l-istennija tal-għomor kienet tali li t-tgawdija ta’ rtirar twil ma kinitx possibbli. Fil-fatt fl-1960, l-istennija tal-għomor ta’ persuna maskili Maltija kienet ta’ 66 sena, filwaqt li dik ta’ mara kienet ta’ 71 sena. Illum, fl-2020, l-istennija tal-għomor hija ta’ 79 sena għall-irġiel u 84 sena għan-nisa. Aħna qed ngħixu aktar fit-tul, li jfisser li jeħtieġ li nippjanaw kmieni jekk irridu li jkollna rtirar li jippermettilna ngawdu kwalità tal-ħajja li hija simili għal dik li gawdejna waqt li konna qed naħdmu.
Fl-1960, raġel kien jirtira fl-età ta’ 64 sena. Illum, persuna tirtira fl-età ta’ 63 sena. Dan ifisser li, fl-1960 il-perjodu medju ta’ rtirar għal persuna kien ta’ 5 snin, filwaqt li llum huwa ta’ 17-il sena. Dan se jerġa’ jitnaqqas fl-2027 għal 14-il sena, meta persuna tibda tirtira fl-età ta’ 65 sena. Madankollu, dak huwa perjodu ta’ rtirar li huwa 9 snin aktar minn dak ta’ raġel li rtira fl-1960.
Huwa importanti li wieħed jinnota li l-ħajja mhijiex vjaġġ dritt. Inti se tgħaddi minn numru ta’ stadji importanti. Dawn huma murija fil-figura t’hawn taħt. Tista’ tibda taħdem fl-età ta’ 18-il sena jew meta tispiċċa l-edukazzjoni ogħla tiegħek. Meta tirċievi l-ewwel dħul tiegħek tibda taspira għal dawk l-affarijiet kollha li “trid” li kellek tgħaddi mingħajrhom – karozza, ivvjaġġar, gizmos, biex insemmu ftit. F’xi mument tista’ tidħol f’relazzjoni serja u tippjana li tgħix mas-sieħeb/a, tixtri dar, u jkollok it-tfal.
Il-perjodu minn meta tixtri dar u tħallas is-self u trabbi lil uliedek sakemm jikbru u jitilqu huma l-istadji importanti ta’ investiment l-aktar għoljin ta’ ħajtek. Għall-biċċa l-kbira, dan il-perjodu se jkun ta’ mill-inqas 20 sena. Matul dan il-perjodu forsi jista’ jirnexxilek iġġemma’ l-flus iżda mhux daqs kemm tixtieq għax inti kull xahar tħallas is-self tad-dar tiegħek, il-miżati tal-edukazzjoni tat-tfal, eċċ.
Id-data tindika li bħala medja familja Maltija tħallas l-ispejjeż relatati mas-self u l-edukazzjoni sa meta jkollok 50 sena. Dan huwa ż-żmien meta d-dħul disponibbli tiegħek jiżdied f’daqqa – peress li m’hemm l-ebda miżata ta’ kull xahar biex tħallas id-dejn jew l-ispejjeż għolja ta’ edukazzjoni. Matul dan il-perjodu inti tista’ tibda tixxennaq għal dawk l-affarijiet kollha li tlift meta għamilt dawk is-sagrifiċċji kollha biex ikollkom dar u tiżguraw li t-tfal tagħkom jedukaw irwieħhom. Madankollu, fl-età ta’ 50 sena, forsi bi tfaddil u investimenti limitati, dan huwa ż-żmien meta tibda tpoġġi xi tfaddil bis-serjetà biex tipprepara għall-irtirar tiegħek. Fil-fatt, bi 15-il sena għad-diżpożizzjoni biex tasal għall-irtirar diġà ikun kollox kexxun.
Huwa importanti għalik li tinnota li jekk taqla’ paga grossa li hija ogħla minn €25,000, meta tirtira d-dħul tal-pensjoni tiegħek ma jkunx ta’ aktar minn 66.6% tal-paga tiegħek – l-impenn ta’ żewġ terzi li sar meta ġiet introdotta s-sistema tal-pensjoni fl-1979. Fil-post li jmiss se jiġi spjegat għaliex dan huwa hekk. Int se tirċievi inqas, u aktar ma tkun għolja l-paga tiegħek, aktar se tkun kbira d-differenza bejn id-dħul li kont taqla’ fl-impjieg u d-dħul tal-pensjoni tiegħek. Dan għaliex is-sistema tal-pensjonijiet tagħna mhijiex imfassla biex tiżgura distakk possibbli bħala minimu bejn l-impjieg tiegħek u d-dħul mill-irtirar. Hija mfassla biex tipprovdilek dħul adegwat biżżejjed għall-ħtiġijiet tal-irtirar tiegħek ikkumplimentati bis-servizzi ta’ saħħa b’xejn, Karta Anzjan, medikazzjoni b’xejn, eċċ.
Huwa importanti li jekk inti f’pożizzjoni li tagħmel dan (iġġemma’), għandek tibda tfaddal għall-irtirar tiegħek f’età bikrija. Huwa importanti li teduka lit-tfal tiegħek sabiex jibdew ifaddlu għall-irtirar kmieni. Innota li t-tfaddil ta’ €83 fix-xahar għal 40 sena mill-età ta’ 25 sena, bħala riżultat ta’ rata kumulattiva tal-imgħax ta’ 2.5%, jagħti lil dik il-persuna pakkett tal-irtirar ta’ €70,000 jew xi ħaġa simili.