Li tibda fl-ewwel xogħol tiegħek huwa wieħed mill-iktar żminijiet eċitanti tal-ħajja. Filwaqt li tkun qed tgawdi l-libertà tal-indipendenza finanzjarja, huwa kruċjali li tiżviluppa ħiliet kif timmaniġġja flusek biex iżommuk fuq linja finanzjarja soda.
Skont id-dħul tiegħek u skont l-għażla tiegħek tar-rata tat-taxxa hux ta’ persuna waħedha, miżżewġa jew ġenitur, min iħaddmek ser inaqqas it-taxxa dovuta fuq id-dħul u l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali mis-salarju jew mill-paga tiegħek. Dan ifisser li inti ser tirċievi l-paga jew is-salarju nett, bit-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsin.
Fit-tieni kwart tas-sena l-ġdida, min iħaddmek ser jagħtik il-formula tal-FS3. Din il-formula turik id-dħul totali li rċevejt fis-sena ta’ qabel – inkluż il-benefiċċji supplimentari, l-allowances eċċ – u t-taxxa fuq id-dħul, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li ħallast matul is-sena. Jekk inti impjegat ma’ aktar minn persuna waħda, int tirċievi FS3 mingħand kull min iħaddmek.
Inti għandek tissottometti l-formula tat-taxxa tiegħek sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju. Huwa importanti li tissottometti din il-formula fil-ħin għaliex inkella inti tkun suġġett għal multi għoljin. Tista’ tissottometti l-formula tat-taxxa fuq id-dħul u tħallas kwalunkwe arretrati tat-taxxa online.
Huwa importanti li tiċċekkja l-payslip tal-paga biex tara li qed titħallas kemm suppost. Min iħaddmek jista’ jieħu xi żball.
Għalkemm tista’ tkun entużjast b’dak li tippermettilek tixtri l-paga, minħabba li jkun l-ewwel xogħol li jkollok, kun żgur li l-infiq ma jaqbiżx id-dħul.
Iż-żwieġ, it-twelid tal-ewwel tarbija, ix-xiri tad-dar, l-irtirar – kollha jistgħu jidhru li qegħdin ’il bogħod. Il-prijorità immedjata tiegħek probabbilment tkun dik li tixtri karozza. Qabel ma tagħmel hekk, ħudha drawwa u ibda ġemma’ parti mill-paga fix-xahar. Jekk tibda tfaddal b’mod regolari tkun bdejt drawwa eċċellenti. Aktar kemm tibda tfaddal minn kmieni, aktar ser ikollok flus biex tilħaq l-għanijiet finanzjarji varji tiegħek matul il-kumplament tal-ħajja professjonali u waqt l-irtirar.
Tista’ tikkunsidra li tibda l-pjan tal-irtirar b’pensjoni privata. Dawn bħalissa jinsabu fuq is-suq u bihom tibda tipprepara għall-irtirar tiegħek, anki jekk bħalissa jista’ jidher ’il bogħod. Qatt mhu kmieni wisq biex tibda tippjana għall-irtirar tiegħek. Aħseb f’dik il-ġurnata li mort l-ewwel darba l-kindergarten mal-ġenituri tiegħek bit-tama li jippreparawk għas-suċċess f’dinja li dehret snin sħaħ ’il bogħod – f’daqqa waħda ssib ruħek hemm. Bl-istess mod, trid tibda tipprepara sew minn qabel għall-irtirar tiegħek. Bis-saħħa tal-interess kompost, aktar ma tibda ġġemma’ minn kmieni, aktar ser jikber malajr it-tfaddil tiegħek.
Li timxi ma’ baġit jinvolvi li tagħmel lista tal-ispejjeż kollha u tqabbilha mad-dħul tiegħek. Uża Il-Planner ĠEMMA tal-Baġit Tiegħi biex iżżomm rekord tad-dħul u l-ħruġ, li jagħtik stampa ta’ fejn qed imur l-infiq tiegħek kull ġimgħa, xahar jew sena. Ladarba jkollok idea ċara tal-baġit tiegħek, agħmel estimu ta’ ammont fiss li tista’ tfaddal kull xahar u żomm miegħu.