Mhux qed jirnexxielek iġemma’? Qatt tistaqsi għaliex? Aħna se nagħtuk 5 raġunijiet għaliex m’intix qed jirnexxielek iġġemma’.
Li jkollok baġit għal kull xahar iħallik tara eżattament fejn sejrin flusek u meta ma jkollokx wieħed iqiegħdek fi żvantaġġ kbir meta tkun qed tipprova ġġemma’ l-flus. Tista’ tippjana li twarrab xi ħaġa imma dak li inevitabbilment jiġri huwa li tispiċċa fl-aħħar tax-xahar mingħajr flus żejda xi ġġemma’. Li tagħmel baġit jagħtik kontroll fuq kull ewro u għalhekk it-tfaddil tiegħek ma jonqosx.
Li jkollok għan jew mira speċifika li tkun qed tipprova tilħaq, jgħinek tibqa’ ffukat fuq dak li qed tipprova tikseb. Jekk m’għandekx għan f’moħħok, ta’ kemm trid iġġemma’ jew għalxiex trid tuża l-flus, huwa faċli li tħalli affarijiet oħra jieħdu prijorità. Ħu ftit taż-żmien biex taħseb dwar x’inhuma l-għanijiet tiegħek u x’lest li tissagrifika biex tilħaqhom. Aktar ma tkun speċifiku dwar dak li trid tagħmel, huwa aktar faċli li toħloq pjan biex tasal hemm.
Il-ħajja ċiklu u kulħadd jesperjenza xi ostakli finanzjarji f’xi punt. Il-karozza tagħmel il-ħsara jew il-friġġ ma tibqax taħdem u f’daqqa waħda trid tkopri spiża żejda ta’ diversi mijiet jew saħansitra diversi eluf ta’ ewro. Il-flus li kont qed tippjana li tpoġġi fil-kont tat-tfaddil tiegħek f’daqqa jinbelgħu minn xi ħaġa oħra jew agħar, tispiċċa tissellifhom fuq il-karta ta’ kreditu. Hu importanti li tibni fond żgħir ta’ flus għal li jista’ jinqala’ qabel ma tibda bl-għanijiet l-oħra ta’ tfaddil tiegħek għaliex dan ifisser li ma tmurx żmerċ jekk xi ħaġa tmur ħażin. Anke jekk huma biss ftit mijiet ta’ ewro, li jkollok dawk il-flus żejda bil-lest jistgħu jagħmlu differenza enormi meta tkun fil-bżonn.
Aktar ma teħles mid-dejn tiegħek malajr, aktar ikollok flus xi tfaddil, iżda biex teħles mid-dejn ikollok bżonn pjan biex tħallsu. Mod wieħed kif teħles mid-dejn huwa li tħallas l-iżgħar bilanċi l-ewwel u b’hekk tkabbar il-pagamenti tiegħek maż-żmien. Mod ieħor huwa li tħallas l-ewwel id-djun bl-ogħla rati ta’ imgħax peress li dawk huma dawk li qed jiswewk l-aktar flus. Jekk trid tista’ tara l-post tagħna bit-titlu ‘Ħallas id-dejn tiegħek’ billi tikklikkja hawn u tniżżel il-kalkulatur ta’ ĠEMMA biex jgħinek teħles mid-dejn. Agħżel l-istrateġija tal-ħlas tad-dejn tiegħek u kun żgur li żżomm magħha għal tul taż-żmien.
Huwa faċli li ġġib l-iskużi għaliex ma tistax iġġemma’ l-flus. Eż. Il-ġenituri tiegħi qatt ma għallmuni dwar il-flus. Jien mhux tajjeb bin-numri. Ma naqlax biżżejjed biex inġemma’ l-flus. Dawn huma biss skużi li qed jimblokkaw it-triq tiegħek biex iġġemma’. Li tbiddel il-mentalità kif tħares lejn il-flus ma sseħħx mil-lejl għan-nhar iżda akbar ma tistinka aktar ħa jirnexxielek tilħaq l-għan. Anke jekk tibda b’xi ħaġa żgħira, tkun qed tibni l-pedament għal futur finanzjarju sod.