Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Silvio Schembri tkellem dwar kemm koppji kellhom jipposponu jew jikkanċellaw għal kollox it-tieġ/l-unjoni ċivili tagħhom din is-sena minħabba l-pandemija COVID-19. Sfortunatament, xi depożiti ntilfu wkoll.
Fid-dawl ta’ dan, koppji li t-tiġijiet/unjonijiet ċivili tagħhom kellhom isiru bejn it-8 ta’ Marzu u t-30 ta’ Settembru issa jistgħu japplikaw biex jiġbru lura d-depożiti tagħhom mitlufa u jistgħu jibbenefikaw għal rifużjoni sa massimu ta’ €2,000. Ġie allokat baġit totali ta’ €2 miljuni.
Il-Ministru spjega li dawn is-servizzi jistgħu jinkludu: il-catering, l-arranġamenti tal-fjuri, il-fotografi, il-karozzi mikrija bix-xufier u anke servizzi ta’ beauticians u parrukkiera.
L-iskema tifforma parti mill-“baġit żgħir” tal-Gvern bil-għan li jgħin lill-ekonomija tirkupra mill-impatt tal-effetti negattivi tal-pandemija tal-coronavirus.
Il-Ministru rrikonoxxa wkoll li dawk li komplew sejrin bil-pjanijiet tagħhom kellhom jieħdu għadd ta’ miżuri biex jissalvagwardjaw saħħithom u dawk tal-mistednin tagħhom.
F’Marzu, ħafna koppji ma kellhom l-ebda għażla oħra ħlief li jikkanċellaw jew jipposponu t-tieġ tagħhom. Fis-sajf, regolamenti ġodda għat-tiġijiet kienu jinkludu limitu strett ta’ invitati, riċeviment bilqiegħda, bl-ikel u x-xorb servut biss lill-mistednin bilqiegħda.
Id-dokumenti meħtieġa li għandhom jiġu ppreżentati jinkludu:
- kopja tal-invoices oriġinali u l-irċevuta tad-depożitu mħallas;
- kopja tal-irċevuta fiskali finali tal-oġġetti u s-servizzi pprovduti;
- kopja tal-kuntratti oriġinali u l-emendi sussegwenti flimkien ma’
- id-dikjarazzjoni tal-bejjiegħ/fornitur tas-servizz li d-depożitu oriġinali nżamm mill-bejjiegħ/fornitur tas-servizz.
Il-Ministru spjega li l-proċess ta’ applikazzjoni huwa sempliċi, u l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi online: https://mfin.gov.mt/en/Services/Pages/Grants.aspx Il-pagamenti se jiġu trasferiti direttament fil-kont bankarju kif indikat mill-applikant/a fl-applikazzjoni.
- Ikklikkja hawn għal kopja tal-iskema.
- Ikklikkja hawn għall-formola tal-applikazzjoni.
- Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni dwar l-eliġibilità – https://www.servizz.gov.mt/en/Pages/Tax-and-Finance/Taxation/Tax/WEB05197/default.aspx
- Għal kull mistoqsijiet ċempel 153.