Hemm sejbiet interessanti fit-tielet stħarriġ ikkummissjonat minn ĠEMMA, fi ħdan il-Ministeru tal-Familja, Dritt tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u mwettaq mill-EMCS għax-xahar ta’ Awwissu 2020. Is-suġġett kopra l-immaniġġjar tal-flus fid-djar matul il-pandemija tal-COVID-19.
Jidher li żewġ terzi tal-popolazzjoni (63%) ma kellhom l-ebda tibdil fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom għal dawn l-aħħar tliet xhur. Dan huwa pjuttost inkoraġġanti meta mqabbel max-xhur ta’ Mejju u April – żieda ta’ medja ta’ 7%.
Kif stqarr is-Sur David Spiteri Gingell, il-mexxej tat-tim ta’ ĠEMMA, Għawdex għadu aħjar minn Malta peress li 46% tal-Għawdxin għandhom tfaddil ta’ aktar minn 3 xhur meta mqabbel ma’ 36% tal-Maltin.
Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ, 76%, għandhom it-tendenza li jagħmlu l-ippjanar ta’ kull xahar. Meta tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19, din it-tendenza tidher li tikkonsisti f’perċentwal żgħir ‘l isfel ta’ ±3% meta mqabbel max-xhur ta’ April u Mejju.
Kien hemm riżultat favorevoli li juri li perċentwal iżgħar ta’ dawk li wieġbu ħassew li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom kienet marret għall-agħar (26% f’Awwissu kontra 32% f’Mejju) filwaqt li 79% jħossu li huma għandhom kontroll tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.
Madankollu s-Sur David Spiteri Gingell stqarr, “Tifhimha li 56% tal-parteċipanti wieġbu li huma kawti meta ppjanaw xiri kbir minħabba l-inċertezza ekonomika li bħalissa għadha tippersisti minħabba l-pandemija.”
Huwa kompla billi enfasizza l-importanza ta’ ĠEMMA, issa aktar minn qatt qabel, biex tkompli teduka lin-nies kif jimmaniġġjaw il-finanzi tagħhom billi jibbaġittjaw, jippjanaw għall-irtirar u t-tfaddil tagħhom. B’referenza għall-istħarriġ, is-Sur Spiteri Gingell iddikjara li, “Huwa inkwetanti li 80% ta’ dawk li wieġbu m’għandhomx pjan ta’ pensjoni tal-irtirar lil hinn minn dak ipprovdut mill-gvern.”
Dan huwa wieħed mill-għanijiet li ĠEMMA ħadmet fuqu għal dawn l-aħħar tliet snin permezz tal-iffirmar ta’ diversi MTF ma’ istituzzjonijiet finanzjarji ta’ fama bħala l-partijiet interessati ta’ ġewwa tagħha bħall-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni kif ukoll it-trejdjunjins. Kif spjegat mis-Sur Spiteri Gingell, permezz ta’ dawn is-sħubijiet, ĠEMMA organizzat seminars, attivitajiet edukattivi inkluż plays u kompetizzjonijiet għall-iskejjel primarji, stabbilixxiet pożizzjoni fl-MCAST permezz ta’ kors akkreditat tal-litteriżmu finanzjarju fil-livell ta’ MQF 3 lil dawk li jaħdmu ma’ gruppi żvantaġġati.
Diversi kampanji oħra ta’ edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja bħalissa qed jitmexxew minn ĠEMMA, kofinanzjati taħt il-Fond Soċjali Ewropew li huma diretti lejn 14-il kategorija differenti ta’ persuni.
Din il-kampanja tfittex li teduka gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni dwar il-ħiliet u l-għarfien tal-kapaċità finanzjarja bil-għan li jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jieħdu d-deċiżjonijiet finanzjarji l-aktar adatti.
Ix-xogħol mill-qrib mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet edukattivi għat-tfal tal-iskola, kemm għall-iskejjel statali kif ukoll għal dawk mhux statali, irawwem fit-tfal l-importanza tal-flus, u dan se jkun investiment fl-adulti ta’ għada filwaqt li tingħata spinta wkoll lill-ekonomija b’mod ġenerali, ikkonkluda s-Sur Spiteri Gingell.