Waqt laqgħa mal-membri tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li kemm is-suppliment tal-pagi, kif ukoll il-vawċers tal-Gvern, se jkomplu sal-aħħar ta’ Ottubru. Inizjalment dawn kienu validi sal-aħħar ta’ Settembru.
Is-suppliment tal-pagi li daħal fis-seħħ f’Marzu li għadda, ta’ €800 jew inqas skont l-eliġibilità, huwa l-kontribuzzjoni tal-Gvern lil min iħaddem biex jgħinu fil-pagi tal-impjegati.
Din kienet miżura produttiva introdotta mill-Gvern biex isservi ta’ rispons ekonomiku biex jiġi limitat l-impatt uman u ekonomiku tal-pandemija COVID-19.
Aktar minn 100,000 ħaddiem ibbenefikaw mis-suppliment tal-pagi.
B’rispons għall-pandemija COVID-19, il-Gvern ħareġ ukoll sett ta’ vawċers lil dawk kollha li jgħixu f’Malta, li għandhom 16-il sena jew aktar. Kull wieħed minnhom irċieva €100 f’vawċers biex jintefqu lokalment f’diversi ħwienet bħal ristoranti, f’akkomodazzjoni u ħwienet tal-bejgħ, biex tingħata spinta lill-ekonomija.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll li l-Baġit Nazzjonali tal-2021 se jinkludi miżuri aktar fit-tul ta’ assistenza mill-Gvern lin-negozji. Huwa qal li l-baġit se jiffoka fuq ħames pilastri msejsa fuq id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Venezja fuq viżjoni demokratika Ewropea. Abela semma wkoll il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, li issa ilhom magħluqa għal sitt xhur. “Id-deċiżjonijiet finali se jittieħdu wara l-parir xjentifiku li l-awtoritajiet tas-saħħa se jagħtuna.”