Aħna qed ngħixu fi żminijiet li jistgħu jagħmlu bidla kbira f’ħajjitna. Xi wħud qed ikollhom iħabbtu wiċċhom mal-effetti tal-COVID-19 aktar minn oħrajn. Madankollu lkoll kemm aħna se nkunu affettwati b’xi mod li jibqa’ mmarkat għall-bqija ta’ ħajjitna. Filwaqt li s-saħħa hija l-ewwel prijorità f’moħħna, it-tieni prijorità tagħna hija l-benesseri tal-finanzi tagħna. Uħud minna diġà ġew affettwati – jew billi tilfu xogħolhom jew għax qegħdin b’sigħat imnaqqsa. Oħrajn mhux neċessarjament affettwati iżda huma mħassba li jista’ jkun imiss lilhom: ix-xogħol tiegħi se jkun għadu għandi fi żmien 3, 6, jew 12-il xahar? Il-kuntratt tiegħi se jiġġedded?
Ir-riżultat ta’ dan hu ansjetà, dipressjoni, u inċertezza. Għal ħafna, l-COVID-19 ġagħalna nistaqsu kif nimmaniġġjaw flusna. Konna noqogħdu attenti u nwarrbu xi ftit tal-flus għaż-żmien iebes? Ħraqna dak kollu li qlajna fuq dawk l-affarijiet li jagħtuna gost għax assumejna li l-boom ekonomiku u l-flus ġġenerati se jibqgħu magħna għal dejjem? Li hemm dejjem ġurnata oħra li se tippermettielna nerġgħu nġibu lura dak li nfaqna?
Il-COVID-19 qed iġiegħel ħafna minna jaħsbu mill-ġdid u jorganizzaw mill-ġdid il-mod kif nimmaniġġjaw il-flus tagħna: X’inhu bżonnjuż u meħtieġ? X’nistgħu verament ngħaddu mingħajru? X’inhuma dawk l-affarijiet li tassew jaqblilna jkollna? U dawk li ma jaqblilniex? Il-COVID-19 poġġa aktar enfasi fuq l-ispejjeż strutturali tagħna – id-dawl, il-gass, l-ilma, it-telekomunikazzjoni, l-ikel, u affarijiet simili: Qed jagħmilna wkoll aktar kreattivi u attenti kif naqtgħu l-ħela biex niffrankaw l-ispejjeż kemm nistgħu.
M’hemmx żmien aħjar biex tiffissa l-għanijiet finanzjarji tiegħek, il-pjanijiet kif se ġġemma’ u kif tippjana u timmaniġġja l-finanzi aħjar. Dawn huma ħiliet ta’ kif timmaniġġja l-flus li ser jgħinuk f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Agħmel dan IN-NORMAL IL-ĠDID tiegħek – u kun żgur/a li l-ħajja tibda tirritorna għal xi forma ta’ dak li kienet biex tiżgura li inti żżomm IN-NORMAL IL-ĠDID tiegħek biex dan isir aktar għani min-normal qadim tiegħek.
Għodda importanti li għandek tuża hija l-planner tal-baġit. Uża l-My ĠEMMA Budget Planner biex ngħinuk tippjana u timmaniġġja flusek ħafna aħjar. Niżżel l-planner billi tikklikkja hawn u l-manwal ta’ gwida billi tikklikkja hawn.